L-avventuri ta’ l-ewro
Issa, la inti tgħallimt ħafna dwar il-muniti u l-karti ta’ l-ewro, wasal iż-żmien biex tieħu pass ieħor u titgħallem għaliex l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li toħloq munita waħdanija. Minn fejn ġiet din l-idea? Għaliex għandna bżonn munita waħdanija bħall-ewro? Min juża l-ewro? Sib ir-risposta għal dawn il-mistoqsijiet hawn taħt.
Tista’ tgħid li l-idea tal-munita waħdanija - l-ewro - għandha x’taqsam mal-ħbiberija u l-ko-operazzjoni Ewropea. Din l-idea ta’ ko-operazzjoni bdiet fis-snin ħamsin, eżatt wara t-Tieni Gwerra Dinjija, meta l-gvernijiet ta’ sitt pajjiżi Ewropej ħassew li kien jaqblilhom isolvu l-problemi tagħhom mingħajr aktar vjolenza u gwerer. L-aħjar mod kif setgħu jagħmlu dan kien billi jikkoperaw u jaħdmu flimkien. Dan kien il-bidu tal-għaqda Ewropea, li llum nafuha bħala l-Unjoni Ewropea.
Wieħed mill-elementi l-aktar importanti ta’ dan it-tip ta’ sħubija kien li dawk il-pajjiżi li xtaqu jsiru parti mill-grupp kienu jixtru u jbiegħu l-prodotti ta’ xulxin. B’dan il-mod, kulħadd seta’ jserraħ moħħu li l-pajjiż tiegħu kellu l-opportunità li jibqa’ b’saħħtu u jevita aktar problemi u gwerer.
Dan il-grupp Ewropew kiber. Fis-snin sebgħin il-pajjiżi membri ddeċidew li jsaħħu s-sħubija u l-ko-operazzjoni tagħhom billi ħolqu dik li tissejjaħ Unjoni Ekonomika u Monetarja. Dan, forsi jinstema’ ikkumplikat; imma issa nispjegawh ftit aħjar!
Ejjew niħduh kelma b’kelma – ‘Unjoni’ hija kelma oħra għal ‘grupp’ jew ‘għaqda’. Il-kelma ‘Ekonomika’ tfisser ‘il-bejgħ u x-xiri’, filwaqt li ‘Monetarja’ tfisser ‘flus’. Allura jekk ngħaqqduhom flimkien: ‘Unjoni Ekonomika u Monetarja’ tfisser ‘grupp ta’ pajjiżi li jixtru u jbiegħu lil xulxin u li jużaw l-istess flus ta’ xulxin’.
Kompli > Żona Ewro





