L-ewro fl-interess tagħna lkoll!
L-ewro hu magħruf ukoll bħala l-‘Munita Waħdanija ta’ L-Ewropa’. Dan, għaliex il-pajjiżi kollha li adottaw l-ewro qegħdin jużaw l-istess flus. Dan hu utli ħafna għal dawn il-pajjiżi u huwa wkoll waħda mir-raġunijiet għaliex Malta bdiet tuża l-ewro f’Jannar tal-2008.
Imma, x’inhuma r-raġunijiet kollha għaliex Malta riedet tibda tuża l-ewro? L-ewro huwa t-tieni l-akbar munita fid-dinja. Id-dollaru Amerikan ($) biss hu aktar b’saħħtu u aktar popolari mill-ewro. L-ewro jintuża f’aktar minn terz (1/3) tal-bejgħ u x-xiri li jsir madwar id-dinja kollha – dan hu ħafna meta tara kemm hawn muniti differenti fid-dinja llum!
Ikun ħafna aktar faċli għalina l-Maltin biex nivvjaġġaw u nżuru pajjiżi oħrajn. Ma jkollniex bżonn nibdlu l-flus Maltin, speċjalment meta nkunu sejrin f’pajjiżi li jagħmlu parti miż-żona ewro. Ma jkunx hemm għalfejn nistennew il-bank, fil-kjù!
L-ewro jgħin ħafna lin-negozjanti Maltin meta dawn ikunu jridu jixtru jew ibiegħu xi prodotti jew servizzi minn jew lil xi pajjiż ieħor. Ikun aktar faċli li nibagħtu l-prodotti Maltin lill-pajjiżi taż-żona ewro biex ikunu jistgħu jinxtraw miċ-ċittadini ta’ dawk il-pajjiżi.
L-ewro jgħin lil tal-ħanut ukoll – dan ikun jista’ jixtri affarijiet miż-żona ewro mingħajr ma jkun hemm kambju fil-flus meta jiġi biex iħallas.
Il-fatt li Malta bdiet tuża munita b’saħħitha bħall-ewro hija ħaġa tajba ħafna għaliex jgħin lill-ekonomija Maltija ssir aktar b’saħħitha u jkun aktar faċli għan-negozjanti barranin biex ikunu jistgħu jaħdmu magħna. Kollox ma’ kollox, l-ewro jgħin sabiex ikollna ekonomija tajba – jiġifieri bl-ewro... jaqblilna!





